https://explorefishvariety.gov.mt/
Skip to content
Il-kubrita toffri togħma simili tat-tonn, u b’hekk tkun alternattiva perfetta għat-tonn tal-landa f’din ir-riċetta klassika Maltija.
Ibda billi tħawwar il-fletti tal-kubrita bil-melħ. Minn qabel, saħħan it-taġen fuq in-nar.
Poġġi folja baking paper fuq it-taġen, u itfa’ ftit żejt taż-żebbuġa ekstra verġni. Poġġi l-ħut ġot-taġen u ixwihom fuq naħa waħda sakemm jiħmaru.
Żid iż-żewġ sinniet tewm u l-ħwawar aromatiċi fit-taġen, imbagħad dawwar il-ħut biex tagħti ftit kulur lin-naħa l-oħra.
Ixgħel il-forn minn qabel fuq 180°C, u poġġi t-taġen bil-ħut għal madwar 7 minuti, jew sakemm il-ħut ikun sar.
Waqt li l-ħut qed isir, ipprepara l-ftajjar. Aqsam il-ftira min-nofs u idlikhom bil-kunserva.
Ferrex fuq il-ħobż iż-żejt taż-żebbuġa ekstra verġni u ħawwar bil-melħ u l-bżar. Poġġi fuq il-ħobż il-kappar, iż-żebbuġ, il-basla ħamra mqatta’, u ammont sew ta’ ħabaq frisk u nagħniegħ.
Ladarba jsir, oħroġ il-ħut mill-forn u neħħi l-ħwawar u t-tewm. Qatta’ l-ħut f’biċċiet kbar u poġġih fuq il-ħobż li ppreparajt.
Agħlaq il-ftira u gawdi mill-ewwel.
Skopri l-Varjetà, Kul Ħut Sostenibbli. ©2026