https://explorefishvariety.gov.mt/
Bullet Tuna Tartare Tortilla

Tartare tat-Tumbrell ippreżentat fuq tortilla, Yuzu Mayo u purè tal-Avokado

Din ir-riċetta tibbilanċja ċ-ċitru mal-ħlewwa naturali, u b’hekk hija ikla ideali għax ħafifa. Tmur tajjeb ukoll jekk tkun servuta bħala l-ewwel platt f’xi ikla sajfija jew f’xi ċena fina.

Il-Metodu

Pass numru 1

Ipprepara l-ħut:
Qatta’ f’dadi jew f’biċċiet żgħar it-tumbrell. Poġġi kollox fi skutella kiesħa u żid bil-mod ftit żejt taż-żebbuġa, melħ u bżar. Għatti u kessaħ sakemm ikun hemm bżonn.

Pass numru 2

Ipprepara l-Yuzu Mayo:
Fi skutella żgħira ħallat flimkien il-mayonnaise mal-meraq tal-yuzu u mal-meraq tal-lumiċell qares sakemm it-togħma tkun ibbilanċjata sewwa. Ħawwar ftit. Ittrasferixxi t-taħlita ġo piping bag u kessaħ għal 10 minuti.

Pass numru 3

Ipprepara l-puré tal-avokado:
Ħawwad jew agħfeġ l-avokado sakemm ma jkunx fiha l-biċċiet. Żid il-meraq tal-lumi, il-melħ, u l-bżar aħmar jekk tixtieq li tużah. Duq u żid il-bżar u l-melħ skont il-gosti tiegħek. Żommu mgħotti biex ma jibdilx il-kulur.

Pass numru 4

Ixwi t-tortillas:
Saħħan taġen fuq nar medju. Poġġi t-tortillas u ixwihom għal 30-40 sekonda fuq kull naħa sakemm jiġu jqarmċu ftit. Qatta’ kull wieħed fi kwarti.

Pass numru 5

Għaqqad id-dixx:
Poġġi kuċċarina mit-taħlita tat-tumbrell fuq kull biċċa tat-tortilla. Bil-piping bag, agħmel tikek żgħar tal-avocado puré u poġġi l-yuzu Mayo fuq. Żejjen il-platt billi tpoġġi ftit cress leaves.

Pass numru 6

Servi:
Servi immedjatament waqt li t-tortillas għadhom iqarmċu, bil-flieli tal-lumiċell qares fil-ġenb.

Din ir-riċetta hija aktar faċli milli taħseb.

Ara aktar riċetti