Jekk taħseb li l-palat tal-ħut li għandek bħalissa huwa biżżejjed, sejjer żbaljat. Meta tipprova l-ħut sostenibbli tkun qiegħed tesponi lilek innifsek għal togħmiet ġodda u tkun qed tieħu ħsieb saħħtek. Dan kollu filwaqt li tkun qed tipproteġi b’mod attiv l-ibħra tagħna.
X’benefiċċji għas-saħħa joffri l-ħut sostenibbli?
Dan il-ħut sostenibbli jipprovdi dieta bilanċjata b’varjetà ta’ nutrijenti essenzjali, inklużi l-aċidi grassi tal-omega-3, il-proteini, il-vitamini D u B12, u l-minerali bħaż-żingu, jodju, u l-ħadid.
Pereżempju, l-Aċċola tipprovdi ammont suffiċjenti ta’ proteina, flimkien ma’ xaħmijiet sani tal-Omega-3 u livelli sinifikanti ta’ Vitamina D u B12. Speċijiet iżgħar ta’ tonn, bħall-Kubrita u t-Tumbrell, huma eċċezzjonalment għoljin fis-selenju u l-proteina, filwaqt li jipprovdu livell għoli ta’ antiossidanti u għajnuna fl-immunità.
Barra minn hekk, is-Sawrell – li ta’ spiss huwa injorat - jispikka fil-livelli ta’ kalċju u ħadid li fih. Anki l-għażliet ta’ ħut dgħif bħaċ-Ċinturin, jipprovdu ammont suffiċjenti ta’ proteina b’togħmiet li jissorprenduk.
Billi tagħżel dawn l-ispeċijiet mistada b’mod sostenibbli, mhux biss qed issaħħaħ id-dieta tiegħek b’varjetà ta’ vitamini u minerali, iżda fl-istess ħin tkun qed tgawdi wkoll minn togħmiet uniċi li rari ssibhom f’dawk is-sorsi komuni li wieħed ifittex għall-proteina. Barra minn hekk, tkun qed tagħmel il-parti tiegħek ukoll biex tipproteġi l-bijodiversità tal-baħar tagħna.
Kif is-sajd sostenibbli jista’ jsalva l-bijodiversità tal-baħar tagħna.
Is-sajd sostenibbli jbiddel id-domanda tal-konsumaturi minn speċijiet mistada żżejjed bħat-Tonn, il-Merluzz jew il-varjetajiet tas-Salamun, lejn ħut aktar abbundanti iżda mhux utilizzat biżżejjed. Dan kollu iħalli effett pożittiv fl-ekonomija u fl-ekosistema tagħna.
Bijoloġikament, it-tnaqqis tal-pressjoni tas-sajd fuq dawk l-istokkijiet l-iktar mistada jippermettilhom iż-żmien vitali li jeħtieġu biex jirriproduċu, biex jibnu mill-ġdid il-popolazzjonijiet, u biex jirrestawraw il-bilanċ naturali tal-ekosistemi tal-baħar. Billi tiddiversifika d-domanda, is-sajjieda jistgħu jtaffu l-instabbiltà fid-dħul tagħhom għaliex ma jkunux qed jiddependu fuq speċi waħda ta’ ħut. Billi taqbad u tbigħ varjetà usa’ ta’ ħut, ir-reżiljenza ta’ komunitajiet kostali bħal Malta tiġi stabbilizzata u msaħħa.
Barra minn hekk, is-sajd sostenibbli jgħin biex jitnaqqas l-impatt fuq dawk l-ispeċi li jinsabu fil-periklu, li huma mhedda u protetti. Kull speċi għandha rwol uniku. Madankollu, it-telf ta’ speċi waħda kkawżata minn sajd żejjed jew qabdiet inċidentali eċċessivi tista’ tfixkel l-ekosistema akkwatika kollha.
Kun parti mill-bidla u appoġġa s-sajd sostenibbli
L-ibħra tagħna jinsabu taħt pressjoni aktar minn qatt qabel, bin-Nazzjonijiet Uniti tirrapporta li terz tal-popolazzjonijiet globali tal-ħut huma mistada żżejjed u 60% oħra qed jiġu mistada sal-limitu bijoloġiku tagħhom. Sajd sostenibbli iħares il-bijodiversità tal-baħar u jsaħħaħ is-sigurtà globali tal-ikel.
L-appoġġ għal sajd sostenibbli jfisser li waqt li tkun qed ittejjeb il-palat tiegħek, tħossok tajjeb bl-għażla li tkun ħadt. Agħmel il-bidla llum u esplora l-lista tagħna ta’ speċijiet ta’ ħut sostenibbli sabiex tkun tista’ tibbenefika min-nutrijenti u t-togħmiet uniċi tagħhom.